Navigate Up
Sign In

Titħabbar l-edizzjoni speċjali tal-Malta International Food Festival fix-Xewkija, Għawdex

Reference Number: PR201378, Press Release Issue Date: Jul 20, 2020
 
Titħabbar l-edizzjoni speċjali tal-Malta International Food Festival fix-Xewkija, Għawdex

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li se tittella’ r-raba’ edizzjoni tal-festival tal-ikel, The Gozo Special Edition - Malta International Food Festival, nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Awwissu u s-Sibt 8 ta’ Awwissu mis-6pm sa nofsillejl fil-Pjazza tax-Xewkija. 

Qal li din is-sena kienet waħda diffiċli għal kulħadd minħabba l-pandemija iżda qed ikun żgurat li l-festival kulinari jservi ta’ divertiment dan is-sajf għal dawk kollha li jħobbu l-ikel. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li, “L-ikel huwa mod kif bħala Maltin u Għawdxin ningħaqdu flimkien u niċċelebraw dak kollu li jgħaqqadna. Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd biex jingħaqad magħna f’dan il-festival tas-sajf l-iktar mistenni f’Għawdex u fejn wieħed isib ikel varjat mid-dinja kollha”.

F’The Gozo Special Edition - Malta International Food Festival wieħed se jkun jista’ jduq ikel Ażjatiku, Mediterranju, l-aħjar ikel fl-Ewropa u delicacies ġenwini Għawdxin. Dan se jkun il-lejl perfett sabiex min jattendi jiskopri gosti ġodda, se jkun hemm stands tal-birrerija, inbejjed speċjali li dak li jkun jista’ jduq. Fl-isfond ta’ dan kollu, eżattament ħdejn il-Knisja Parrokkjali tax-Xewkija se jkun hemm mużiċisti li jkomplu jagħtu ħajja lil din l-attività. Min iħobb id-deżerti wkoll mhux se jkun diżappuntat fosthom bl-għażla kbira ta’ ħelu u ġelati homemade.

Il-Ministru għal-Għawdex Clint Camilleri qal li dan huwa street festival tal-ikel b’xejn b’enfasi fuq l-inklużjoni għaliex f’post wieħed se jintlaqtu l-gosti ta’ kulħadd. Ikkonkluda li l-ministeru jagħti għajnuna finanzjarja sabiex ikun possibbli li jittellgħu bosta attivitajiet matul is-sena li jattiraw iktar viżitaturi u fl-aħħar mill-aħħar ikomplu jsostnu l-ekonomija Għawdxija.

Aktar informazzjoni:

Id-dħul għall-festival huwa b’xejn. Dawk li jattendu se jkunu jistgħu jixtru t-tokens u jsarrfuhom fl-ikel li tal-għażla tagħhom. Il-Malta Public Transport se tkun qed topera shuttle service mill-Imġarr Ferry Terminal għall-Pjazza tax-Xewkija permezz tar-rotta 323. 
 
Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jżur www.maltainternationalfoodfestival.com