Navigate Up
Sign In

Jingħataw aktar minn €109,000 lill-għaqdiet volontarji Għawdxin – l-akbar investiment dirett li qatt sar b’din l-iskema

Reference Number: PR201357, Press Release Issue Date: Jul 16, 2020
 
Jingħataw aktar minn €109,000 lill-għaqdiet volontarji Għawdxin – l-akbar investiment dirett li qatt sar b’din l-iskema

 
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li l-għaqdiet volontarji li qed joperaw b’risq il-komunità Għawdxija ser igawdu minn allokazzjoni ta’ €109,000 mill-inizjattiva Ministry for Gozo Non-Governmental Organisations Assistance Scheme. Il-ministru qal li din hija r-raba’ edizzjoni fil-format eżistenti u l-akbar investiment dirett li qatt sar. Waqt din il-konferenza stampa sar it-tqassim ta’ ftehim lil disa’ (9) għaqdiet volontarji li għażlu li jwettqu l-proġett, l-inizjattiva u l-avventimenti matul din is-sena. 

Il-ministru fisser li, “L-għajnuna li qed tingħata mill-Ministeru għal Għawdex hija sinjal ċar ta’ fiduċja fil-ħidma volontarja f’Għawdex u fin-numru kbir ta’ voluntiera li jaħdmu bla heda u mingħajr interess.” B’kollox intlaqgħu 27 sottomissjoni minn organizzazzjonijiet volontarji li qed joperaw f’diversi oqsma fis-soċjetà li minnhom 22 kienu eliġibbli li jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja li ma taqbiżx il-€5,000. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-għanijiet ta’ din l-iskema huma li ttejjeb it-tessut soċjali, kulturali u ekoloġiku ta’ Għawdex, li tippromwovi u tinkoraġġixxi kultura ta’ volontarjat u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ volontarjat fost is-soċjetà Għawdxija, tistimula l-koperazzjoni u n-networking bejn l-organizzazzjonjiet volontarji u biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet volontarji u l-Ministeru għal Għawdex permezz ta’ proġetti kollaborattivi, inizjattivi u avvenimenti. 

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li minħabba l-imxija tal-pandemija COVID-19 u sussegwentament id-direttivi maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika, il-Ministeru għal Għawdex nieda proċess ta’ konsultazzjoni biex jiġi determinat l-impatt ta’ dawn id-direttivi fuq l-organizzazzjonijiet volontarji li joperaw f’Għawdex.

Għalhekk ħabbar li, “B’konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, ġie deċiż li għal din is-sena, l-għaqdiet volontarji li applikaw b’suċċess, jingħataw il-possibilità li jipposponu l-implimentazzjoni tal-proġetti, inizjattivi u l-avvenimenti għad-dati wara li jkunu sospiżi d-direttivi jew is-sena d-dieħla. Dan biex is-settur ma jkunx imċaħħad minn finanzjament, fiż-żmien meta setgħu ġew iffaċċjati minn nuqqas ta’ dħul jew ikollhom nuqqas ta’ konkorrenzi għall-attivitajiet proposti”. Infatti, aktar minn nofs dawn l-għaqdiet volontarji, tlettax (13), aċċettaw li jwettqu l-proġett, inizjattiva u l-avvenimenti tagħhom, is-sena d-dieħla.

Id-9 għaqdiet li se jwettqu l-inizjattiva tagħhom din is-sena huma: Emergency Response and Rescue Corps, Soċjetà Filarmonika Santa Marija, Dar Ġuzeppa Debono, Soċjetà Filarmonika Mnarja, Soċjetà Filarmonika La Stella, Malta Beekeepers Association, The Scout Association of Malta - Xagħra Scout Group, The Scout Association of Malta - Victoria Scout Group, Assoċjazzjoni Maltija EspressjonArti Għarb.

Il-Ministru għal Għawdex irringrazzja lill-għaqdiet volontarji kollha tal-ħidma tagħhom fis-soċjetà u awgura lil dawk kollha li pparteċipaw f’din l-inizjattiva tal-ministeru b’suċċess. Il-Ministru Clint Camilleri kkonkluda li l-volontarjat jagħmel xogħol imprezzabbli f’bosta oqsma u dawn il-fondi allokati se jkunu qed jintefqu f’Għawdex u għall-Għawdxin.​