Navigate Up
Sign In

€900,000 għall-attivitajiet kulturali f’Għawdex - kwart ta’ miljun ewro minnhom għall-artisti Għawdxin

Reference Number: PR200358, Press Release Issue Date: Feb 29, 2020
 

​€900,000 għall-attivitajiet kulturali f’Għawdex - kwart ta’ miljun ewro minnhom għall-artisti Għawdxin

 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn nieda l-Gozo Cultural Events Fund Scheme, b’valur ta’ kwart ta’ miljun ewro li jagħmlu parti mid-€900,000 fondi ddedikati għal attivitajiet u għal inizjattivi kulturali organizzati mill-Ministeru għal Għawdex.
 
Il-Ministru Camilleri spjega li din l-iskema se tkun qed tgħin biex artisti lokali jkunu jistgħu jipproponu l-attivitajiet tagħhom, u l-iskema se tipprovdi l-opportunità biex jiġu żviluppati proġetti artistiċi mill-komunità għall-komunità, filwaqt li tiġi ċċelebrata d-diversità kulturali.
 
Il-Ministru għal Għawdex qal li dan il-fond se jkun qed jgħin proġetti b’mod finanzjarju biex jinkoraġġixxi parteċipazzjoni kulturali attiva, jippromwovi talent lokali u jenfasizza fuq l-espressjoni kreattiva tal-komunità jew inkella biex l-identità tagħha tkun apprezzata.
 
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Kultura John Xuereb qal li l-applikanti jistgħu jkunu organizzazzjonijiet volontarji, individwu jew grupp indipendenti, entitajiet jew kunsilli lokali li jixtiequ jtellgħu xi attività kulturali. L-applikant irid ikun ukoll ċittadin Malti u jkollu indirizz permanenti f’Għawdex.
 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rringrazzja lid-Direttorat tal-Kultura li jieħu ħsieb ħafna mill-organizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Ikkonkluda li din l-għajnuna finanzjarja se sservi biex il-kalendarju kulturali f’Għawdex ikompli jissaħħaħ b’aktar attivitajiet li jkomplu jattiraw lejn Għawdex il-Maltin u t-turisti matul is-sena kollha.