Navigate Up
Sign In

Agħżel Għawdex għall-Għid il-Kbir

Reference Number: PR200339, Press Release Issue Date: Feb 28, 2020
 
Agħżel Għawdex għall-Għid il-Kbir

 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha nieda bosta attivitajiet li se jiġu organizzati f’Għawdex bħala parti mill-festa tal-Għid il-Kbir. Il-Ministru Camilleri qal li l-Ministeru għal Għawdex jgħin finanzjarjament sabiex jittellgħu diversi avvenimenti u jkun involut f’ħafna mill-attivitajiet li jsiru bħala parti mill-ħidma sabiex il-Maltin u turisti jagħżlu lil Għawdex għall-vaganzi tagħhom matul is-sena kollha u mhux biss fl-istaġun sajfi.

L-Għid il-Kbir hija festa kbira li tfakkarna fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, żmien li fih aħna nerġgħu ngħixu t-tradizzjonijiet u d-drawwiet ta’ missirijietna. Huwa żmien li matulu ħafna jħarsu ‘l quddiem biex b’attenzjoni josservaw dak li qiegħed jiġri fil-ħajja tagħna. Hawnhekk il-Ministru Camilleri stqarr li dawn u prospetti oħrajn għandhom ikunu sinjali sbieħ tal-ġid li bħalissa l-Gżejjer Maltin qegħdin igawdu.

Il-Ministru Clint Camilleri rrimarka li hija ħaġa pożittiva li f’pajjiżna hawn bosta voluntiera li b’dedikazzjoni kbira jagħmlu minn kollox biex festi bħal dawn jirnexxu, u jkomplu minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stieden lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli għal din il-konferenza stampa fejn faħħret l-inizjattivi u l-avvenimenti f’Għawdex li jattiraw lejhom numru ta’ turisti. Hija qalet kif Għawdex sar l-għażla naturali tat-turisti meta dawn iżuru Malta waqt il-btala tagħhom. Julia Farrugia Portelli tenniet l-impenn tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li kull sena tinvesti f’avvenimenti f’Għawdex biex jissaħħaħ il-kalendarju turistiku. Hi ħeġġet lill-Maltin biex fil-vaganzi tal-Għid jagħżlu lil Għawdex bħala d-destinazzjoni tagħhom.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur John Xuereb fil-Ministeru għal Għawdex qal li d-Direttorat għall-Kultura qiegħed jgħin biex jittellgħu għadd ta’ attivitajiet, programm imżewwaq li jiġbor il-qofol ta’ din il-ġrajja, fosthom drammi, kunċerti, esibizzjonijiet, purċissjonijiet, mużika u letteratura. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur: https://issuu.com/visitgozo/docs/easter_in_gozo_2020.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm id-diskors tiegħu billi stieden lil kulħadd biex jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet kif ukoll lil dawk li jinsabu barra minn xtutna biex ukoll iżuru lil Għawdex u jaraw is-sabiħ tal-Għid il-Kbir fil-gżira Għawdxija.