Navigate Up
Sign In

L-impjegati tas-settur privat li jinżlu jaħdmu Malta jingħataw €650 f’sussidju bħal dawk tas-settur pubbliku

Reference Number: PR200792, Press Release Issue Date: Apr 30, 2020
 

​L-impjegati tas-settur privat li jinżlu jaħdmu Malta jingħataw €650 f’sussidju bħal dawk tas-settur pubbliku

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li l-għajnuna finanzjarja addizzjonali mogħtija lill-impjegati tas-servizz pubbliku għal trasport kollettiv, se tkun estiża għall-impjegati tas-settur privat. Il-Ministru Camilleri qal li b’hekk il-gvern se jkun qed iwettaq wegħda oħra tal-Baġit għas-sena 2020 li tgħid,“Wara s-suċċess tal-pakkett li daħħalna s-sena l-oħra għall-ħaddiema u għall-istudenti Għawdxin li jaħdmu u jistudjaw f’Malta, is-sena d-dieħla se nkomplu nestenduh”.
 
Spjega li mill-1 ta’ Jannar 2020, l-impjegati kollha li jaħdmu mas-setturi pubbliku u privat qed jingħataw sussidju annwali ta’ €650, imħallas f’żewġ partijiet. Il-Ministru Clint Camilleri qal li, “din is-sena se nżidu s-sussidju għall-impjegati tas-settur privat li s-sena l-oħra kienu ngħataw €300 fis-sena, għalhekk mill-1 ta’ Jannar, 2020 spiċċat id-differenza fl-għajnuna finanzjarja bejn is-settur pubbliku u s-settur privat.” Dan ifisser li se jibdew jingħataw l-istess ammont li jieħdu l-impjegati tas-settur pubbliku ħlief għalliema u LSEs li jieħdu €525 minħabba l-vaganzi tas-sajf.
 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li madwar 500 impjegat fis-settur privat se jibbenefikaw minn din il-miżura u se jiżdiedu mal-1,189 impjegat tas-settur pubbliku li diġà qed jibbenefikaw minn din l-allowance. Ikkonkluda li din il-miżura mwettqa se tkun qed tgħin lill-Għawdxin kollha li ta’ kuljum jaqsmu l-fliegu biex jinżlu Malta u jaqilgħu l-għajxien tagħhom.
Il-parametri u l-kundizzjonijiet tas-sussidju:
 
1. L-applikant għandu jkun residenti Għawdex u jaħdem fuq bażi full-time Malta.
 
2. Id-Dipartiment tal-HR tal-organizzazzjoni jew tal-entità fejn jaħdem l-applikant għandu jiċċertifika li
i. l-applikant ħadem mal-organizzazzjoni għall-perjodu stipulat li applika għalih (Jan - Ġunju; Lulju - Diċembru);
ii. l-ebda sussidju ieħor għat-trasport bejn il-gżejjer mhu jingħata mill-organizzazzjoni.
 
3. L-applikazzjonijiet għall-perjodu Jannar - Ġunju għandhom jintbagħtu mill-1 ta’ Lulju sal-15 ta’ Awwissu u l-ħlas isir sa tmiem Awwissu. L-applikazzjonijiet għall-perjodu ta’ Lulju - Diċembru għandhom jintbagħtu bejn l-1 ta’ Jannar u l-15 ta’ Frar u l-ħlas isir sal-aħħar ta’ Frar.
 
4. L-applikanti li jaħdmu mal-ministeri tal-gvern / entitajiet / aġenziji u mas-settur privat se jkunu intitolati għal €650 fis-sena ħlief għall-għalliema u l-LSEs li huma intitolati għal €525 minħabba l-vaganzi tas-sajf.