Navigate Up
Sign In

Impenn sabiex jitkattar it-turiżmu sportiv lejn Għawdex

Reference Number:  PR171994, Press Release Issue Date: Sep 06, 2017
 
Impenn sabiex jitkattar it-turiżmu sportiv lejn Għawdex

 
“Għawdex joffri faċilitajiet sportivi ta’ livell li jridu jiġu sfruttati aktar minn assoċazzjonijiet nazzjonali u dan sabiex nattiraw aktar turiżmu sportiv lejn gżiritna.” Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt laqgħa ta’ korteżija mal-Kumitat Olimpiku Malti li saret fil-Ministeru għal Għawdex.
 
Tul il-laqgħa, kienu diskussi diversi temi ta’ natura sportiva u kif se tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kumitat Olimpiku Malti. Tema importanti fuq l-aġenda kienet il-kontribut li jista’ joffri Għawdex fuq livell nazzjonali meta Malta se tospita l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar li huma skedati li jsiru f’pajjiżna fl-2023. “Għawdex għandu jkun inkluż fil-kalendarju sabiex isiru avvenimenti sportivi meta pajjiżna jospita dan il-logħob hekk importanti għax Għawdex hu parti minn Malta u mhux gżira maqtugħa mill-bqija tal-pajjiż,” tenniet il-Ministru Caruana.
 
Hija saħqet li l-Gvern hu impenjat li jkompli jinvesti f’faċilitajiet sportivi f’Għawdex kif ukoll fl-atleti Għawdxin li kulma jmur qed jagħmlu isem għalihom personali kif ukoll ġieħ lil pajjiżna.
 
B’rabta mal-Logħob tal-Commonwealth fl-2018 li se jsiru fil-Gold Coast fl-Awstralja, Għawdex għandu l-pjaċir jospita r-Royal Baton li se jżur b’kollox 71 pajjiż differenti sakemm jasal għaċ-Ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ fl-4 ta’ April 2018.
 
Ir-Royal Baton se jasal Għawdex nhar is-Sibt 23 ta’ Settembru u jżur il-lokalitajiet t’Għajnsielem u l-Għasri. Ir-Royal Baton fil-logħob tal-Commonwealth hija simbolu bħat-torċa fil-Loghob Olimpiku u tintbagħat minn pajjiż għall-ieħor mir-Reġina bħala Kap tal-Commonwealth.​