Navigate Up
Sign In

Titnieda l-kampanja “Vote Cittadella” wara li ċ-Ċittadella ġiet innominata għar-Regiostars Awards

Reference Number: PR221428 , Press Release Issue Date: Oct 20, 2022
 
Il-votazzjoni għall-pubbliku tinsab miftuħa fuq is-sit www.regiostarsawards.eu sal-15 ta’ Novembru li ġej

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett nedew l-kampanja “Vote Cittadella”. Dan wara li ċ-Ċittadella reġgħet ġiet magħżula minn fost 300 proġett kofinanzjati minn fondi Ewropej biex terġa’ tipparteċipa fil-kompetizzjoni tar-Regiostars Awards.

Ir-Regiostars Awards hi kompetizzjoni prestiġjużi, organizzata mill-istess Unjoni Ewropea, bl-iskop li turi l-aħjar proġetti li saru f’diversi pajjiżi membri u turihom bħala l-aqwa eżempji (best practices examples). B’differenza mis-snin l-imgħoddija, din is-sena għażlet 15-il proġett, wieħed għal kull sena li ilha torganizza din il-kompetizzjoni.

Il-Ministru Clint Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu li ċ-Ċittadella ġiet innominata fost l-aqwa proġetti li qatt saru mill-pajjiżi membri. Huwa qal li “Bosta viżitaturi lokali u barranin iżuru din l-attrazzjoni unika matul is-sena kollha. B’sodisfazzjon ngħid ukoll li ċ-Ċittadella qed tkompli tirbaħ l-ammirazzjoni u l-premjijiet prestiġjużi minn diversi organizzazzjonijiet rinomati bħalma huma l-Best Travellers Choice 2021 mit-Tripadvisor kif ukoll issa ġiet innominata għar-Regiostars Awards.”

Il-Ministru Camilleri spjega li ż-żamma u l-manutenzjoni ta’ post imdaqqas u espost għall-elementi naturali bħalma hi ċ-Ċittadella joħolqu sfidi uniċi li jirrikjedu attenzjoni kontinwa u stqarr li l-gvern kommess li jkompli jżomm ċ-Ċittadella fl-aħjar stat possibbli. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li juru dedikazzjoni sħiħa fix-xogħol tagħhom. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li huwa unur għall-poplu Malti u Għawdxi li ċ-Ċittadella ġiet innominata biex tipparteċipa għar-Regiostars Awards, wieħed mill-proġetti li twettqu b’fondi Ewropej b’investiment ta’ €14,873,403, li minnhom €12,167,295 huma fondi Ewropej, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Chris Bonett appella biex jivvutaw għaċ-Ċittadella, li tattira lejha mijiet ta’ turisti li ta’ kuljum jiġu jgawdu mis-sbuħija u l-istorja ta' din il-ġawhra.

Lura fl-2018 iċ-Ċittadella kienet intgħażlet għal din il-kompetizzjoni u kklassifikat fit-tielet post tal-vot pubbliku bil-fuq minn 30,000 vot. 

Il-Ministru Clint Camilleri temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jagħti l-appoġġ tiegħu u jivvota għal dan il-proġett nazzjonali, iċ-Ċittadella. 

Il-pubbliku jista’ jivvota liċ-Ċittadella billi jidħol fuq is-sit www.regiostarsawards.eu sal-15 ta’ Novembru li ġej.

Ritratti: MGOZ/MEFL_PS