Navigate Up
Sign In

Il-perjodu għar-riċerka fuq is-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana jiftaħ għada taħt kundizzjonijiet strettament sorveljati

Reference Number: PR221423, Press Release Issue Date: Oct 19, 2022
 
Il-Gvern, wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, qiegħed iħabbar il-ftuħ tal-proġett ta’ riċerka fuq is-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana mill-20 ta’ Ottubru sal-20 ta’ Diċembru 2022, iż-żewġ dati inklużi.
 
Din is-sena, kull min se jipparteċipa fil-proġett ta’ riċerka fuq l-għasafar tal-għana se jkun:
 
Obbligat jirrapporta kull għasfur tal-għana maqbud (speċi u ammont) immedjatament malli jħarrabhom lura fis-selvaġġ billi jċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile reġistrat f’ismu, jew billi juża l-mobile app ‘Game Reporting MT’. Is-sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma;
Obbligat jikteb id-dettalji kollha fil-formola taċ-ċrieket jekk jaqbad għasfur tal-għana b’ċurkett xjentifiku;
Kull għasfur li jaqbad li għandu ċurkett xjentifiku għandu wkoll jiġi rrapportat dakinhar stess kif spjegat fil-liċenzja speċjali;
Imħeġġeġ jieħu filmat qasir fejn juri l-għasafar tal-għana qedin jitħarrbu mill-istess post minn fejn inqabdu kif spjegat fil-liċenzja speċjali;
Jirrapporta r-research effort kull meta jieħu sehem fil-proġett ta’ riċerka u ma jkunx qabad għasafar tal-għana billi, qabel jitlaq, iċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f’ismu, kif spjegat fil-liċenzja speċjali.
 
Deroga għall-Insib tal-Malvizz u l-Pluviera 2022
 
Il-Gvern, wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, qiegħed iħabbar il-ftuħ tal-istaġun għall-insib tal-malvizz mill-20 ta’ Ottubru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022, iż-żewġ dati inklużi, u għall-pluviera mill-1 ta’ Novembru 2022 sal-10 ta’ Jannar 2023, iż-żewġ dati inklużi, bi kwota nazzjonali ta’ 5,000 malvizz u 700 pluviera.
 
 Kull min huwa liċenzjat li jonsob għall-malvizz u l-pluviera se jkun:
 
Obbligat jirrapporta immedjatament kull malvizz u pluviera li jaqbad billi jċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f’ismu, jew billi juża l-mobile app ‘Game Reporting MT’. Is-sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma;
Jekk jaqbad malvizz jew pluviera b’ċurkett xjentifiku, obbligat jikteb id-dettalji kollha fil-formola taċ-ċrieket li hija inkluża mal-liċenzja speċjali u maħruġa f’isem il-persuna bil-liċenzja;
Jirrapporta l-effort tal-insib (trapping effort) kull meta jmur jonsob u ma jaqbadx mlievez jew pluvieri billi, qabel jitlaq, iċempel, mingħajr ħlas, fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f’ismu, jew juża l-mobile app ‘Game Reporting MT’, kif spjegat fil-liċenzja speċjali.
 
Is-sistema telefonika 8000 2020 tipprovdi gwida permezz ta’ messaġġi bil-vuċi li huma faċli biex wieħed isegwi, u ż-żewġ sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma.