Navigate Up
Sign In

Se tittella’ l-ħames edizzjoni tal-Kite & Wind Festival f’Għawdex

Reference Number: PR221353, Press Release Issue Date: Oct 10, 2022
 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-ħames edizzjoni tal-“Kite & Wind Festival”, li din is-sena se jittella’ bejn il-15 u s-16 ta’ Ottubru 2022 fl-inħawi pittoreski tal-kappella ta’ San Dimitri, fil-limiti tal-Għarb, mill-10:00am sal-5:30pm.

“Għal darb’oħra, dan il-festival internazzjonali, li sar sinonimu mal-kalendarju kulturali Għawdxi, se jkun esperjenza mill-isbaħ għad-dilettanti tat-tajra tradizzjonali u għal kull min jattendi. Fil-festival se jieħdu sehem ‘il fuq minn 44 parteċipant tat-tajr rinomati madwar id-dinja u għalhekk nistieden lil kulħadd, b’mod speċjali lill-familji u lit-tfal, sabiex jattendu għal dan il-festival fejn se jsiru wkoll workshops biex il-pubbliku inġenerali jinforma ruħu dwar l-arti tat-tajr”, sostna l-Ministru Camilleri.

Is-Sindku tal-Għarb David Apap spjega li l-parteċipanti se jkunu qed jagħmlu bosta manuvri akrobatiċi bit-tajr sinkronizzati mal-mużika u se jkun hemm ukoll tajr għall-bejgħ, żona għat-tfal, ikel u xorb, mużika, fiera tradizzjonali u aktar.

Il-Ministru Clint Camilleri rringrazzja lid-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u lill-Kunsill tal-Għarb li ħadu ħsieb sabiex għal sena oħra jtellgħu dan il-festival. 

Waqt il-festival se jkun hemm servizz ta’ “park and ride” mill-parking tar-Rabat (taħt il-venda) li se jgħaddi minn Ta’ Dbiegi sal-inħawi ta’ San Dimitri u lura.

Ritratti: MGOZ