Navigate Up
Sign In

Proġett pilota biex iqarreb l-iskejjel mal-komunitajiet – ismijiet ġodda fl-iskejjel

Reference Number: PR221216, Press Release Issue Date: Sep 21, 2022
 
Tħabbar proġett pilota tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni flimkien mal-Union tal-Għalliema (MUT) li għandha żewġ aspetti prinċipali: l-edukazzjoni u l-komunità. Inizjattiva li tnediet f’Għawdex imma li se tkopri l-iskejjel kollha madwar il-pajjiż.

Permezz ta’ dan il-proġett pilota, filwaqt li l-Kulleġġi se jibqgħu magħrufin bl-isem li għandhom bħalissa, l-iskejjel se jingħataw ismijiet b’mod individwali. B’hekk l-iskejjel kollha fil-Kulleġġi se jkollhom ukoll apparti identità kollettiva, identità individwali.

F’Għawdex hemm prattikament skola primarja f’kull lokalità li huma msemmija għal persunaġġ minn kull lokalità li jinsabu fihom. Dan il-pass għalhekk se jiċċelebra l-ħidma ta’ dan il-persunaġġ, li f’kull każ hija parti mill-istorja wiesgħa ta’ pajjiżna.

“Irridu niċċelebraw xogħol dawn il-personalitajiet li f’ħajjithom taw kontribut mhux biss lil pajjiżna, imma wkoll lil kull lokalità li kienu ġejjin minnha. Huwa sinjal ta’ rispett lejn dawn l-Għawdxin u l-Maltin li ddedikaw ħajjithom b’xogħol li ħalla marka fuq il-komunitajiet tal-poplu tagħna. Qed nagħmlu dan il-pass biex inkomplu nqarrbu is-sistemi edukattivi tagħna mal-komunità li fuq kollox huma parti integrali minnha”, qal il-Ministru Clifton Grima. Il-Ministru Grima ħa wkoll l-okkażjoni biex jirringrazzja l-edukaturi li bħalissa jinsabu għadejjin bl-aħħar preparamenti għall-ftuħ ta’ sena skolastika ġdida. Awgura wkoll lill-istudenti kollha li daqt jidħlu lura għat-tagħlim tagħhom, sena edukattiva mill-aqwa.

F’kull skola b’mod prominenti, u parti mill-proġett ‘Ħitan Jitkellmu’, se jkun hemm informazzjoni dwar dawn il-personalitajiet, ħajjithom, il-kisbiet tagħhom u x’għamlu għal pajjiżna, biex jinżammu ħajjin f’kull skola u istituzzjoni edukattiva.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal, “Inizjattivi bħal din, fejn kull skola primarja f’Għawdex se tingħata isem għal persunaġġ marbut mal-lokalità, jibqgħu jsaħħu l-identità tal-iskejjel tagħna.” Huwa spjega li dan il-proġett pilota se jżid l-għarfien qalb l-istudenti u l-pubbliku inġenerali fuq il-ħajjiet u x-xogħlijiet ta’ dawn il-persunaġġi. Camilleri temm billi awgura sena skolastika tajba lill-istudenti u lill-għalliema u stqarr li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma mal-Ministru Clifton Grima sabiex tkompli tissaħħaħ l-edukazzjoni fil-gżejjer tagħna. 
Marco Bonnici, President tal-MUT semma li d-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni ssostni l-ħidma sfieqa tal-edukaturi bħala komunità b'identità marbuta mal-istess skola u lokalità. Huwa saħaq li din l-inawgurazzjoni għandha tkun il-bidu ta' sensiela ta' deċiżjonijiet f'kuntest aktar wiesa’ li twassal għal evalwazzjoni tas-sistema tal-kulleġġi li hija tant meħtieġa. Dan filwaqt li l-iskejjel ikunu jistgħu jibqgħu jgawdu minn rabta, fi ħdan il-kulleġġ, permezz ta' identità marbuta ma' persunaġġi Maltin li għamlu ġieħ lil pajjiżna.

F’din iċ-ċerimonja simbolika f’Ta’ Sannat, tfakkar il-Professur Ġuże Aquilina, li fost oħrajn jibqa’ ħaj għall-kisbiet li għamel bħala lingwista, kittieb u akkademiku. L-imħabba ta’ Aquilina għall-ilsien Malti u x-xogħol mill-aqwa bil-Malti kienet ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet ta’ studjużi u awturi Maltin u għadha hekk sal-lum.


Kulleġġ ta’ Għawdex: Ismijiet Ġodda
Lokalità Settur Isem Isem ġdid 
Għarb Primarja Kulleġġ Għawdex Skola Primarja Għarb Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Għarb Karmni Grima
Għajnsielem Primarja Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Għajnsielem Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Anton Cassar Għajnsielem 
Kerċem Primarja Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Kerċem Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Peter Paul Grech Kerċem
Victoria (Rabat) Primarja Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Victoria Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Sir Arturo Mercieca Victoria 
Nadur Primarja Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Nadur Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Mons. Salvu Vella Nadur
Qala Primarja Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Qala Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja President Anton Buttiġieġ Qala
San Lawrenz Primarja Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja San Lawrenz Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Dun Salv. Portelli San Lawrenz
Sannat Primarja Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Sannat Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Professur Ġużè Aquilina Sannat 
Xagħra Primarja Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Xagħra Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Patri Mattew Sultana Xagħra
Xewkija Primarja Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Xewkija Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Roża Magro Xewkija
Żebbuġ Primarja Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Żebbuġ Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja Monsinjur Ġiovanni Andrea Vella Żebbuġ
Victoria Middle Skola Medja Kulleġġ Għawdex, Skola Medja Kulleġġ Għawdex, Skola Medja Agius De Soldanis
Victoria Secondary Sekondarja Kulleġġ Għawdex, Skola Sekondarja Kulleġġ Għawdex, Skola Sekondarja Ninu Cremona