Navigate Up
Sign In

Inawgurat ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni fil-Mużew tal-Katidral fiċ-Ċittadella

Reference Number: PR220991, Press Release Issue Date: Jul 24, 2022
 
Inawgurat ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni fil-Mużew tal-Katidral fiċ-Ċittadella

B’investiment ta’ madwar €300,000 iffinanzjati minn fondi Ewropej ġew inawgurati x-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni li saru fil-Mużew tal-Katidral fiċ-Ċittadella.

L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, u l-Vigarju Ġenerali Mons. Tarċisju Camilleri. 

Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’rinnovazzjoni sħiħa tal-binja tal-mużew kif ukoll it-titjib fl-aċċessibbiltà għal persuni b’diffikultà ta’ mobbiltà, kemm f’termini ta’ aċċess estern fid-daħla tal-mużew kif ukoll tibdiliet interni bħall-installazzjoni ta’ lift aċċessibbli mis-sulari kollha tal-mużew.

Ix-xogħlijiet kienu jinkludu wkoll xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, finituri, u xogħlijiet anċillari oħra bħal sistemi elettriċi, plumbing u sistemi ta’ ventilazzjoni. Barra minn hekk, ġie installat ukoll tagħmir awdjoviżiv biex tissaħħaħ l-esperjenza tat-turiżmu kulturali u reliġjuż.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-investiment fil-patrimonju lokali huwa l-aħjar mezz biex nassiguraw li l-preġji ta’ pajjiżna jkunu preservati u protetti, imma fl-istess waqt jitgawdew mill-pubbliku u t-turisti li jogħġobhom iżuru pajjiżna. “Permezz tal-Assoċjazzjoni KURA, qed jitwettqu għadd ta’ interventi bil-għan li jtejbu l-portafoll kulturali offrut lit-turisti li jżuru Għawdex. Dawn jinkludu r-restawr ta’ strutturi tal-knisja u pitturi tal-knisja li jinsabu f’seba’ postijiet differenti, ir-restawr ta’ żewġ orgnijiet tal-Knisja, ir-rinnovazzjoni tal-Mużew tal-Katidral fir-Rabat, u t-tisħiħ taċ-ċentru tal-arti kulturali Don Bosco, fl-istess belt”, sostna l-Ministru Camilleri.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li b’investiment ta’ €2.3 miljun twettaq xogħol ta’ konservazzjoni, restawr, u rinnovar fuq 16-il proġett li jinsabu fi 11-il lokalità f’Għawdex fosthom fir-Rabat, ix-Xagħra, Għarb, Għasri u Sannat. Is-segretarju parlamentari qal li €1.7 miljun minn dan l-investiment huma fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. “Għawdex ibbenefika minn fondi Ewropej u se jkompli jibbenefika mill-programm il-ġdid sabiex aktar kumpaniji jkomplu jinvestu u jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol u turiżmu u b’hekk inkomplu ninvestu f’din il-gżira”, huwa kkonkluda. 

Il-mexxej ta’ dan il-proġett Noel Formosa tkellem dwar l-importanza ta’ dan l-investiment u kif il-mużew se jservi ta’ attrazzjoni oħra fiċ-Ċittadella.