Navigate Up
Sign In

Tfal b’diżabilità jibbenefikaw minn kors speċjalizzat f’Għawdex

Reference Number: PR220988, Press Release Issue Date: Jul 22, 2022
 
Tfal b’diżabilità jibbenefikaw minn kors speċjalizzat f’Għawdex

 
Tul dawn l-10 ġimgħat li ġejjin, sa Settembru, 36 tifel u tifla b’diżabilità Għawdxin se jkunu qegħdin jibbenifikaw minn kors intensiv, b’investiment ta’ €98,000.

Dan l-investiment se jkun kofinanzjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur permezz ta’ Aġenzija Sapport u l-Ministeru għal Għawdex u b’iffirmar ta’ ftehim mal-għaqda volontarja Għawdxija Voice for Inclusion.

L-età tat-tfal benefiċjarji b’abilitajiet differenti tvarja minn 3 snin sa 16-il sena. Dawn it-tfal se jkollhom programm personalizzat sabiex itejbu l-abilitajiet tagħhom u jgħinhom ikollhom aktar opportunitajiet ta’ inklużjoni fil-komunità. 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-impenn tal-gvern fis-settur tad-diżabilità huwa wieħed ċar u xhieda ta’ dan hija l-ħidma konġunta li wasslet għal dan il-ftehim. Hi enfasizzat li kif jidher permezz ta’ dan l-iffirmar, il-gvern huwa impenjat biex is-servizzi għall-persuni b’diżabilità f’Għawdex mhux biss jittejbu iżda jiżdiedu. 

Il-Ministru Farrugia Portelli rreferriet għall-fiduċja li l-gvern għandu f’aktar minn 1,700 għaqda volontarja f’pajjiżna u semmiet li il-gvern jemmen bis-sħiħ li dawn l-għaqdiet volontarji jistgħu joffru servizzi tal-ogħla livell fil-komunità. Hi kkonkludiet tgħid li bħala gvern “dejjem emminna li kull persuna, hi x’inhi l-kundizzjoni tagħha, dejjem għandha abilitajiet u għalhekk għandna nkomplu ninvestu f’dan is-settur.” 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri qal li permezz ta’ dan il-ftehim, it-tieni wieħed tax-xorta tiegħu hekk kif is-sena l-oħra l-ministeru ffinanzja kors simili, ser jassigura li matul ix-xhur tas-sajf, dawn it-tfal ikollhom l-opportunità jintegraw u jħossuhom aktar inklużi fis-soċjetà tagħna. “Is-settur tal-persuni b’diżabilità kien, għadu u jibqà f’qalb dan il-gvern, fejn matul l-aħħar snin, dawn il-persuni bbenefikaw minn għadd ta’ inizjattivi, u f’Għawdex mhux b’inqas fejn qed isir investiment għaqli f’dan is-settur”, ikkonkluda l-Ministru Camilleri.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Sciculna qal li kollaborazzjonijiet ta’ dan it-tip ikomplu jsaħħu l-varjetà tas-servizzi u inizjattivi disponibbli għal persuni b’diżabilità u joffru possibilitajiet fejn jaraw li hemm nuqqas. Il-programm li Aġenzija Sapport qed tiffinanzja flimkien mal-Ministeru għal Għawdex qed jagħti l-opportunità lil tfal Għawdxin li jsegwu programm inklużiv u varjat li jilħaq ukoll il-bżonnijiet tagħhom fuq livell individwali grazzi għad-diversi professjonisti u entitajiet involuti sabiex jitwassal dan il-programm intensiv koordinat mill-NGO Voice for Inclusion.  

Kull parteċipant fil-kors se jkollu LSE (Learning Support Educator) fuq bażi individwali u tutors speċjalizzati li jaraw il-progress ta’ kull student u li kulħadd ikun inkluż fl-attivitajiet preparati.

Is-sessjonijiet se jkunu jinkludu:

Scouts
Movement therapy
Robocoach
Young Engineers
Sessjonijiet ta’ drama, mużika, ICT
Sessjonijiet dwar ħiliet (lifeskills)
Sessjonijiet ta’ kant bħala mezz ta’ komunikazzjoni
Lezzjonijiet tal-matematika permezz ta’ storytelling
Sessjonijiet ta’ esperimenti tax-xjenza

Il-fondi provduti se jkopru spejjeż relatati ma’ LSEs u staff superviżorju; kiri tal-kmamar, inkluż laboratorju, fl-iskola sekondarja; riżorsi, bħalma huma strumenti tal-mużika; terapisti u persuni oħrajn li se jmexxu s-sessjonijiet varji imsemmija.

Din se tkun it-tielet sena li se jkun organizzat dan il-kors għal matul ix-xhur tas-sajf. 

L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex John Borg.