Navigate Up
Sign In

Investiment ta’ €1.7 miljun minn Gozo Cottage

Reference Number: PR220974, Press Release Issue Date: Jul 20, 2022
 
Investiment ta’ €1.7 miljun minn Gozo Cottage 

Il-fabbrika Gozo Cottage, li tinsab fil-kumpless Gozitano fix-Xewkija, qiegħda twettaq investiment ta’ €1.7 miljun bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej sabiex issaħħaħ l-operat tagħha. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żaru x-xogħlijiet li għaddejjin fuq dan l-investiment biex il-fabbrika tkun tista’ tipproduċi aktar prodotti lokali. 

Din il-fabbrika, li ilha tipproduċi ikel tipiku u tradizzjonali Għawdxi sa mill-2005, kienet waħda mill-ażjendi li bbenefikaw minn fondi Ewropej biex ikabbru, itejbu u jiżviluppaw prodotti ġodda.

Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq impjant ġdid fejn jinħadmu prodotti tipiċi u agrikoli bħal ġbejniet, laħam ipproċessat, u ġamm. Għaddej ix-xogħol ukoll fuq winery fejn se jinxtara makkinarju biex jiġi prodott l-inbid Għawdxi. Dan l-investiment qiegħed isir bil-għan li jimmodernizza l-ipproċessar tal-produzzjoni, jiżviluppa prodotti ġodda, iżid l-effiċjenza, kif ukoll jespandi l-kapaċità tal-produzzjoni.

Il-Ministru Clint Camilleri feraħ lill-maniġment ta’ din il-kumpanija li b’għaqal u viżjoni irnexxilu jibbenefika minn fondi Ewropej biex mhux biss ikabbar l-operat billi jinvesti f’makkinarju modern, imma anke jipproduċi prodotti lokali ġodda. “Permezz ta’ dan l-investiment, il-kumpanija Gozo Cottage ser tassigura li prodotti tradizzjonali assoċjati ma’ Għawdex ikomplu jiġu pproċessati u jkunu disponibbli għall-konsumatur, u dan b’rispett sħiħ lejn il-wirt kulinari sinjur li writna minn ġenerazzjoni għall-oħra u li hu assoċjat ma’ din il-gżira”, sostna l-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li din il-fabbrika ngħatat €700,000 f’fondi Ewropej mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. “Mill-pakkett il-ġdid tal-fondi Ewropej se naraw li nkomplu noħolqu aktar skemi sabiex aktar negozji u kumpaniji jibbenefikaw minn fondi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jikbru u jiddiversifikaw u joffru prodott aħjar mhux biss lill-konsumatur lokali imma anki lit-turisti li jixtru l-prodott lokali waqt li jkunu għal btala f’Malta u Għawdex”, qal Chris Bonett. 

Id-Direttur ta’ Gozo Cottage Joseph Grech spjega li tul is-snin il-ħidma ta’ Gozo Cottage kienet tfisser ukoll li l-produtturi primarji Għawdxin, il-bdiewa u r-raħħala, ingħataw suq ġdid li dejjem qed jikber fejn ikunu jistgħu jbigħu l-prodottti tagħhom għas-suq turistiku u anki lokali. Is-Sur Grech qal li l-prodotti ġodda li qed jiġu żviluppati permezz ta’ dan l-investiment ġdid ser ikomplu jgħinu lis-settur agrikolu Għawdxi.