Navigate Up
Sign In

Imnedija żewġ skemi biex jinċentivaw is-settur turistiku

Reference Number: PR220931, Press Release Issue Date: Jul 11, 2022
 
Imnedija żewġ skemi biex jinċentivaw is-settur turistiku
 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda żewġ skemi intiżi biex jinċentivaw is-settur turistiku f’Għawdex. 

Waqt it-tnedija ta’ dawn l-iskemi, il-Ministru Clint Camilleri tenna li issa li s-settur turistiku qed jirkupra u l-istabbilimenti qed jirrappurtaw riżultati tajbin, jeħtieġ li nieħdu l-opportunità sabiex nassistu bi skemi ta’ għajnuna biex inkomplu ntejbu s-settur turistiku f’Għawdex. 

“Permezz ta’ dawn l-iskemi, li jikkumplimentaw l-istrateġija li qed iħaddan il-Ministeru għal Għawdex, qed nispiraw li, apparti li nkomplu nkabbru n-numri ta’ viżitaturi kemm lokali kif ukoll barranin, inħeġġuhom iqattgħu aktar ġranet f’Għawdex u, għax le, jipprattikaw xi sports differenti li kull ma jmur Għawdex qed isir sinonimu magħhom,” sostna l-Ministru Camilleri. 

Id-Direttur tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku Ronald Sultana qal li permezz ta’ dawn l-iskemi, l-applikanti se jingħataw rimborż fuq l-ispiża kapitali li tkun saret u li dawn l-iskemi jibqgħu eliġibbli sa Diċembru 2023. 

Supporting Marketing Initiatives for the Accommodation Sector in Gozo

Skema intiża biex tinċentiva lis-settur tal-akkommodazzjoni f’Għawdex biex jimraħ aktar lejn l-użu tal-promozzjoni diġitali, li jkun wieħed konsistenti u professjonali. L-iskop huwa li bis-sehem ta’ dawn il-kampanji, kemm għas-suq domestiku kif ukoll dak internazzjonali, jiżdiedu aktar il-bed nights f’Għawdex.

Supporting the Adventurous Tourism Industry in Gozo through Hiring Equipment Refund Scheme

In-niċċa turistika tal-avventura hija sinonima mal-brand ta’ VisitGozo, hekk kif Għawdex huwa proġettat bħala destinazzjoni ideali sabiex jiġu pprattikati esperjenzi simili, fosthom dak tal-għadis, kayaking, cycling u rock-climbing. Sabiex insostnu din ir-reputazzjoni, u nibqgħu ntejbu l-prodott offrut, qed ninċentivaw lill-operaturi li joffru dan is-servizz biex jinvestu aktar fil-prodott li joffru, anke fi sfond ta’ rkupru tas-settur turistiku.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jaċċessa s-sit elettroniku tal-Ministeru għal Għawdex - mgoz.gov.mt, jew jikkuntattja b’mod dirett lid-Direttorat tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fuq 22156170.