Navigate Up
Sign In

Tinżamm l-ewwel laqgħa, f’din il-leġiżlatura, tal-Kumitat Reġjonali Għawdex tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali

Reference Number: PR220820, Press Release Issue Date: Jun 20, 2022
 
Tinżamm l-ewwel laqgħa, f’din il-leġiżlatura, tal-Kumitat Reġjonali Għawdex tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul indirizzaw l-ewwel laqgħa, f’din il-leġiżlatura, tal-Kumitat Reġjonali Għawdex tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. 

Il-Ministru Camilleri qal li, permezz ta’ dan il-kumitat, issawru ideat li ġew implimentati u li ħallew impatt pożittiv fuq Għawdex u l-Għawdxin. Semma fost l-oħrajn l-isfida tal-konnettività, fejn saħaq li l-gvern jibqa’ kommess li din tkompli tiġi indirizzata. 

Il-Ministru għal Għawdex semma wkoll it-tessut soċjali, li f’Għawdex ukoll qed jesperjenza tibdiliet. Huwa awgura li, permezz ta’ djalogu apert u kostruttiv li minnu joħorġu ideat innovattivi u soluzzjonijiet, leħen Għawdex jibqa’ fuq l-aġenda nazzjonali kif kien matul dawn l-aħħar snin.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ikkonferma li l-gvern jinsab ħerqan biex jibqa’ jiddiversifika l-ekonomija Għawdxija. “Il-fatt li Għawdex issofri minn insularità doppja, din irridu nindirizzawha permezz ta’ inċentivi, fosthom sussidju ta’ 40% għal dawk li jinvestu f’Għawdex, u anke l-fatt li professjonisti barranin li se jirrilokaw lejn Għawdex se jkunu eżentati milli jħallsu taxxa fuq l-ewwel €30,000 tad-dħul tagħhom, liema proposti jinsabu fil-manifest elettorali,” qal Dr Ellul. 

Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-gvern jinsab impenjat biex jara li minn kull sfida joħroġ opportunità. “Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li minn 1,000 proposta fil-manifest elettorali, 350 minnhom jikkonċernaw lil Għawdex,” qal Dr Ellul. “Madanakollu, irid ikun hemm ir-rieda biex nirnexxu lkoll flimkien. Il-fatt li lkoll kemm aħna qegħdin miġburin hawnekk illum diġà jfisser li hemm biżżejjed rieda biex naraw li nkomplu naħdmu. Għaldaqstant, xogħolna issa hu li nkomplu niddjalogaw, u naħdmu għal Għawdex aħjar”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Ellul.


Link għall-filmat: https://we.tl/t-brvr01LZ1C