Navigate Up
Sign In

Strateġija u Patt Ewropew favur il-gżejjer

Reference Number: PR220756, Press Release Issue Date: Jun 08, 2022
 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri attenda u pparteċipa f’sessjoni plenarja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fejn ġie diskuss ir-rapport dwar Strateġija u Patt Ewropew favur il-gżejjer fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
 
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Camilleri faħħar din l-inizjattiva, hekk kif elenka li kien wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer fi ħdanha, speċjalment dawk li huma fil-periferija tal-istess unjoni. 

Il-Ministru Camilleri sostna li l-effetti fuq il-klima diġà bdew jinħassu u li l-gżejjer huma l-aktar suxxettibbili għal dan il-fenomenu li kull ma jmur qed nesperjenzaw temperaturi għolja u li qed iwasslu għal effetti devastanti fuq l-ekosistema fraġli tal-gżejjer. Filwaqt li faħħar l-isforzi li qed tagħmel l-Unjoni Ewropea, il-Ministru rrimarka li l-gżejjer għandhom jingħataw attenzjoni speċifika f’dan ir-rigward peress li kull gżira toffri sfidi partikolari. 

Il-Ministru semma wkoll l-isfida tal-aċċessibilità li hija fundamentali sabiex il-gżejjer ikollhom aċċess liberu mal-kumplament tal-Ewropa, speċjalment fil-każ ta’ Għawdex, li jaffaċċja l-problema tal-insularità doppja. Huwa elenka l-isforzi li qed jagħmel il-Gvern Malti fuq dan l-għan, fejn tul dawn l-aħħar snin l-aċċessibilità bejn il-gżejjer ingħatat prijorità.  

“Huwa ferm importanti li aktar attenzjoni tingħata lill-gżejjer sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi li kull ma jmur qed ikomplu joħolqu pressjoni fuq il-fraġilità tal-gżejjer. Infaħħar dan il-pass li qed nieħdu llum, fejn dan ir-rapport mhux biss jelenka l-isfidi imma b’mod konkret qed jitlob lill-istess Unjoni Ewropea biex tagħti aktar attenzjoni lill-istess gżejjer. Konvint li permezz ta’ dan ir-rapport, se nkunu lkoll flimkien qed nagħmlu pass meqjus ’il quddiem,” ikkonkluda l-Ministru Clint Camilleri.