Navigate Up
Sign In

33 għaqda volontarja jgawdu minn skemi biex jagħmlu proġetti fil-komunità

Reference Number: PR220730, Press Release Issue Date: Jun 03, 2022
 
33 għaqda volontarja jgawdu minn skemi biex jagħmlu proġetti fil-komunità 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ppreżenta aktar minn €160,000 lill-għaqdiet volontarji li kienu applikaw għall-għajnuna taħt l-iskemi ‘Ministry for Gozo Non-Governmental Organisations Assistance Scheme’ u ‘Promotion of Sports Initiatives and Facilities Scheme’ rispettivament. 

Il-Ministru Camilleri qal li sa minn meta l-Ministeru għal Għawdex introduċa dawn it-tip ta’ skemi, għexieren ta’ għaqdiet volontarji bbenefikaw u wettqu proġetti innovattivi li missew il-ħajja tan-nies b’mod pożittiv. Il-Ministru saħaq li dawn l-iskemi huma intiżi biex jassistu lill-għaqdiet volontarji li jkunu se jimplimentaw xi proġetti, avvenimenti u inizjattivi f’Għawdex u huma amministrati b’mod trasparenti u regolarizzati. 

Il-Ministru qal  li b’kollox il-Ministeru rċieva xejn inqas minn 48 applikazzjoni. 33 għaqda bbenefikaw sa massimu ta’ ħamest elef ewro (€5000). “Dawn l-għaqdiet kienu jissodisfaw il-kriterji hekk kif stabbiliti kemm fil-Linji Gwida kif ukoll mill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji,” kompla il-Ministru Camilleri. 

L-għanijiet ta’ dawn l-iskemi huma li jtejbu t-tessut soċjali, kulturali u ambjentali ta’ Għawdex, kif ukoll it-titjib tal-faċilitajiet sportivi u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi f’Għawdex. L-iskemi saru wkoll biex jippromwovu u jinkoraġġixxu kultura ta’ volontarjat u parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ volontarjat fi ħdan is-soċjetà Għawdxija, kif ukoll jistimulaw il-kooperazzjoni u networking, kemm bejn l-organizzazzjonijiet volontarji bejniethom, kif ukoll mal-Ministeru għal Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex faħħar l-operat ta’ dawn l-għaqdiet għall-kontribut siewi li jagħtu lis-soċjetà Għawdxija in ġenerali, u saħaq kif il-Gvern għandu l-obbligu li jsostni u jassisti lis-settur tal-volontarjat. 

“Inħares ’il quddiem li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-Ministeru għal Għawdex iniedi aktar skemi ta’ din ix-xorta biex dan is-settur ferm importanti għal Għawdex jibqa’  jissaħħaħ, jiffjorixxi u jilħaq aktar nies,” ikkonkluda l-Ministru Clint Camilleri.