Navigate Up
Sign In

Imnedija Strateġija Nazzjonali għall-Għadis

Reference Number: PR220688, Press Release Issue Date: May 23, 2022
 
Imnedija Strateġija Nazzjonali għall-Għadis

F’konformità mal-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu, tnediet strateġija għall-għadis, bl-għan li jiġu mfassla numru ta’ azzjonijiet li jwasslu biex l-industrija msemmija tkun waħda li tippremja l-kwalità u sostenibbiltà. L-istrateġija tindirizza l-isfidi tal-ġurnata kkawżati mill-pandemija, it-tisħiħ tal-prodott Malti, u l-isfruttar tal-vantaġġ kompetittiv li għandhom il-gżejjer Maltin f’din in-niċċa turistika. 

Dan il-pjan ta’ azzjoni jiffoka wkoll fuq l-għadis rikreattiv, immirat li jattira turisti li jikkunsidraw l-għadis bħala rikjesta ewlenija meta jmorru għall-vaganza barra minn pajjiżhom. 

Din l-istrateġija, imfassla mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, kellha l-kontribut tal-Ministeru għal Għawdex, il-Professional Diving Schools Association Malta, ċentri privati tal-għadis, l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi, id-Direttorat għall-Portijiet u l-Jottijiet fi ħdan Transport Malta, id-Dipartment tas-Sajd u l-Akkwakultura kif ukoll iċ-Ċentru tal-Arkeoloġija Marittima. 

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mil-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, u ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia. 

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo tkellem dwar kif l-impatt ta’ turisti li jiġu jgħoddsu f’pajjiżna għandhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija Maltija. “Turisti li jiġu f’Malta proprju biex jgħoddsu fl-ibħra tagħna għandhom tendenza li ż-żjarat tagħhom ikunu relattivament itwal minn turisti oħrajn. L-għan tagħna huwa li noħolqu iżjed attrazzjonijiet marittimi biex insaħħu l-versatilità tagħna f’dan s-settur. Fil-fatt, huwa mistenni li fis-sajf li ġej se jsir l-iscuttling tal-MT Hephaestus, li se sservi ta’ attrazzjoni oħra taħt il-baħar fl-inħawi tan-nofsinhar tal-gżira Għawdxija”, saħaq il-Ministru Bartolo.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li, “Għawdex joffri xejn inqas minn 55 sit differenti għall-għaddis bil-maġġoranza tagħhom aċċessibbli mill-art. Irridu nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li diġà sar biex b’hekk, kemm Għawdex kif ukoll Malta jkomplu jattiraw lejhom aktar għaddasa, u dan għall-fatt li qed tissaħħaħ il-kompetizzjoni minn pajjiżi oħra fil-Mediterran.” Huwa awgura li din l-istrateġija tiġi implimentata biex pajjiżna joffri valur miżjud lil kull min jagħżel biex jiġi Malta għall-vaganzi. 

Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal li, “L-implimentazzjoni ta’ din l-istrategija ħolistika se tkun qiegħda twassal għat-tisħiħ tal-prodott turistiku tagħna, kif inhu anke elenkat fl-Istrategija għat-Turiżmu għall-għaxar snin li gejjin.” Huwa temm jgħid li b’dan id-dokument pajjiżna se jkun qiegħed jagħmel pass ieħor ‘il quddiem sabiex jistabbilixxi ruħu bhala ċentru ta’ eċċellenza għall-industrija tal-iscubadiving.