Navigate Up
Sign In

Proġett ta’ restawr ħolistiku intiż biex jippreserva l-istruttura

Reference Number: PR220586, Press Release Issue Date: May 10, 2022
 
Proġett ta’ restawr ħolistiku intiż biex jippreserva l-istruttura

 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camillieri ħabbar li ser jibda xogħol estensiv ta’ restawr fuq l-akwadott ta’ Għawdex. Dan il-proġett jinvolvi l-konsolidazzjoni strutturali u l-konservazzjoni tal-akwadott mibni mill-Ingliżi bejn l-1839 u l-1843 biex iwassal l-ilma minn Għar Ilma f’Kerċem lejn ir-Rabat.

Il-Ministru Camilleri spjega li lura fl-2017, it-taqsima tar-restawr fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex kienet għamlet xi interventi biex il-ħsara li kienet akkumulat matul is-snin ma tkomplix tikber. 

“Dan ir-restawr tant meħtieġ ser jibda wara li tlestew l-istudji kollha neċessarji kif ukoll inħarġu l-permessi mill-awtoritajiet kompetenti. Ir-restawr estensiv ser jassigura li dan il-wirt storiku, li jinsab fil-punent tal-gżira, jiġi ppreservat u eventwalment jitgawda aktar,” qal il-Ministru għal Għawdex. 

Il-Ministru Camilleri fakkar li l-ministeru huwa impenjat biex jippreserva l-wirt kulturali li joffri Għawdex u dan qed isir b’investiment kapitali neċessarju f’diversi siti ta’ importanza storika. 

Id-Direttur għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex John Xuereb qal li l-proġett huwa maqsum f’numru ta’ fażijiet, bl-ewwel fażi diġà lesta li kienet tinvolvi investigazzjoni ġeoloġika tas-sottoħamrija bil-għan ewlieni li wieħed jifhem in-natura tal-pedamenti tal-akwadott u biex jiddetermina l-kompożizzjoni tal-istrati ġeoloġiċi sottostanti. Fit-tieni fażi tal-proġett, li se jibda fil-ġimgħat li ġejjin, se jsir shoring temporanju mal-arkata prinċipali filwaqt li t-tielet u l-aħħar fażi tal-proġett se tiffoka fuq il-konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti u l-konservazzjoni tal-akwadott.

Dan il-proġett qed isir minn tim multidixxiplinarju ta’ esperti mmexxi mill-perit tal-konservazzjoni Dr Hermann Bonnici u huwa stmat li ser jiswa €2 miljun. Il-proġett se jitlesta sal-aħħar tal-2025.

Ritratti (MGOZ)