Navigate Up
Sign In

Inawgurat ġibjun iffinanzjat minn fondi Ewropej b’valur ta’ madwar €104,000 sabiex il-bdiewa Għawdxin igawdu mill-ilma li jinġabar fih għall-irrigazzjoni tal-prodotti agrikoli tagħhom

Reference Number: PR220245, Press Release Issue Date: Feb 23, 2022
 
Inawgurat ġibjun iffinanzjat minn fondi Ewropej b’valur ta’ madwar €104,000 sabiex il-bdiewa Għawdxin igawdu mill-ilma li jinġabar fih għall-irrigazzjoni tal-prodotti agrikoli tagħhom
 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi inawguraw ġibjun f’Qasam San Ġorġ, Kerċem, li nbena sabiex jilqa’ fih l-ilma tax-xita li jinżel mat-triq (surface water run-off). Dan sar permezz tal-proġett InCircle iffinanzjat minn fondi Ewropej taħt il-programm InterregMed 2014-2020, immexxi mid-direttorat EkoGħawdex taħt il-Ministeru għal Għawdex, u f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li, “Dan il-proġett b’valur ta’ madwar €104,000, iffinanzjat b’85% fondi Ewropej u 15% fondi lokali, jesa’ 400 metru kubu ta’ ilma.” Spjega wkoll li dan huwa proġett ieħor xhieda ta’ kemm dan il-gvern jieħu ħsieb kull settur f’pajjiżna u din id-darba kien imiss is-settur tal-agrikoltura. Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li, “l-bdiewa f’dawn l-akwati ser ikunu jistgħu jgawdu minn dan l-ilma li jinġabar fil-ġibjun matul ix-xhur sħan tas-sajf fl-irrigazzjoni tal-prodotti agrikoli tagħhom.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi tal-prijorità li jagħti lill-gżira Għawdxija u qal li jħares ‘il quddiem għal aktar kollaborazzjoni u ħidma fuq proġetti oħra ta’ importanza għal Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li, permezz ta’ dan il-proġett, li twettaq permezz ta’ madwar €104,000 f’fondi Ewropej, qed isir investiment ieħor sabiex inkomplu nsaħħu l-qasam tal-agrikoltura, permezz ta’ riżorsa oħra għall-bdiewa tal-akwati.

Is-segretarju parlamentari qal ukoll li proġett bħal dan huwa eżempju konkret tal-viżjoni tal-Unjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tagħha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Huwa kkonkluda billi qal li permezz ta’ proġetti bħal dan inkomplu nżidu l-għarfien dwar kif nieħdu ħsieb aktar l-ambjent ta’ madwarna biex inkunu aktar sostenibbli u nimminimizzaw l-impatt li s-settur agrikolu qed ikollu fuq l-ambjent naturali.

Il-ġibjun għandu wkoll silt-trap li żżomm debris u trab ieħor milli jinżel fih.