Navigate Up
Sign In

Ix-xogħol fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv f’Għawdex jasal f’fażi importanti – jitpoġġew trusses u space frames tal-ħadid għas-saqaf fuq il-pixxina olimpika

Reference Number: PR220173, Press Release Issue Date: Feb 09, 2022
 
Ix-xogħol fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv f’Għawdex jasal f’fażi importanti – jitpoġġew trusses u space frames tal-ħadid għas-saqaf fuq il-pixxina olimpika

 
Ix-xogħol fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv f’Għawdex jasal f’fażi importanti – jitpoġġew trusses u space frames tal-ħadid għas-saqaf fuq il-pixxina olimpika

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv ġdid li qed jinbena fil-belt Victoria u li se jwassal biex Għawdex għall-ewwel darba jkollu kumpless akkwatiku u sportiv fil-qalba tal-gżira.

Il-ministru qal li, “Ix-xogħlijiet fuq dan iċ-ċentru mifrux fuq medda ta’ madwar 5,000 metru kwadru, għaddejjin b’ritmu mgħaġġel. Fl-aħħar xhur sar ħafna xogħol fuq l-interjuri tal-proġett inklużi diviżorji interni, xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi u l-lining u l-gutters tal-pixxina olimpika. Barra minn hekk, tqiegħdu elementi strutturali ewlenin bħall-ġenb tal-‘pont’ li jwasslek mid-daħla direttament għall-faċilitajiet sportivi ta’ barra. B’hekk, issa setgħu jitpoġġew trusses u space frames tal-ħadid għas-saqaf fuq il-pixxina”. 

Huwa sostna li minn dan il-proġett se jibbenefika l-poplu Għawdxi, filwaqt li se jtaffi mill-iskariġġ ta’ bosta atleti Għawdxin tal-waterpolo bħalissa, li ta’ kuljum ikollhom jaqsmu lejn Malta għat-taħriġ. 

Dan il-proġett massiċċ u tant mistenni se jikkonsisti fil-bini ta’ pixxina ta’ daqs olimpiku u numru ta’ faċilitajiet ġodda, fosthom għall-ġinnastika, basketball, badminton, squash, wall climbing, acrobatics, weightlifting, aerobics, yoga, martial arts u faċilitajiet oħra fejn jista’ jintlagħab sport ieħor fuq ġewwa. Barra minn hekk, iċ-ċentru sportiv se jkun mgħammar ukoll b’faċilitajiet tal-aqwa livell għal kull min jagħmel użu minnu, fosthom b’kmamar tal-ewwel għajnuna. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi fisser dan il-proġett bħala kruċjali għall-qasam sportiv f’Għawdex u qal li se jkun sors ewlieni għat-tkabbir ekonomiku fil-gżira. Dan għaliex huwa mistenni li joħloq niċeċ ġodda u jattira atleti u gruppi, barranin u professjonali, lejn Għawdex.