Navigate Up
Sign In

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri jżur waħda mill-kumpaniji f’Malta li qed tħaddem l-Għawdxin u tibbenefika mill-Gozo Teleworking Scheme

Reference Number: PR220095, Press Release Issue Date: Jan 25, 2022
 
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri jżur waħda mill-kumpaniji f’Malta li qed tħaddem l-Għawdxin u tibbenefika mill-Gozo Teleworking Scheme
 

 
Fl-2021 il-Gozo Teleworking Scheme inċentivat lil 72 ħaddiem Għawdxi

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar uffiċjalment il-kumpanija Apex Fund Services Ltd f’Birkirkara li hija waħda mill-kumpaniji li qed tħaddem impjegati Għawdxin u tibbenefika mill-Gozo Teleworking Scheme.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li “l-Gozo Teleworking Scheme issa daħlet fit-tielet sena tagħha, u nista’ nikkonferma li din l-iskema ser tkompli tkun eliġibbli matul is-sentejn li ġejjin. Apex Fund Services Ltd qed toffri t-teleworking lil 7 ħaddiema Għawdxin permezz ta’ din l-iskema. Tajjeb ngħidu li l-Gozo Teleworking Scheme sa issa inċentivat l-applikazzjoni ta’ Teleworking lil 54 ħaddiem Għawdxi f’Malta fl-2020 u li dawn telgħu għal 72 fl-2021.” 

Id-Direttur għat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex Ronald Sultana spjega li l-kumpanija Apex Fund Services Ltd ingħatat sapport finanzjarju minn aspett ta’ xiri t’apparat teknoloġiku kif wkoll qed tingħata sapport rikorrenti ta’ rimborż parzjali tas-salarju ta’ dawn il-ħaddiema. 

Mill-bidu tal-iskema, jiġfieri fl-2020, il-Ministeru Għal Għawdex iffinanzja madwar €150,000 f’rimborż marbuta mal-Gozo Teleworking Scheme. 

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li din l-iskema hija fost l-inċentivi li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jieħu sabiex ikompli jżid ix-xogħol f’Għawdex u għall-Għawdxin.