Navigate Up
Sign In

Il-Milied f’Għawdex iktar b’saħħtu mis-snin ta’ qabel

Reference Number: PR200012, Press Release Issue Date: Jan 06, 2020
 
Il-Milied f’Għawdex iktar b’saħħtu mis-snin ta’ qabel

Bil-wasla tat-Tliet Slaten Maġi f’Betlehem f’Għajnsielem, jinżel is-separju fuq il-programm popolari ‘Il-Milied f’Għawdex 2019’. Grazzi għall-investiment qawwi li l-Ministeru għal Għawdex qed jagħmel biex jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni unika għall-Milied, is-settur turistiku u n-negozju f’Għawdex esperjenzaw riżultati bla preċedenti.

Minn statistika maħruġa mill-Gozo Channel, jirriżulta li, matul ix-xahar ta’ Diċembru 2019 sal-5 ta’ Jannar 2020, qasmu b’kollox 520,439 passiġġier u 165,680 vettura, meta mqabbel ma’ 501,907 passiġġier u 156,343 vettura li qasmu l-fliegu f’dan l-istess perjodu s-sena l-oħra. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 18,532 fin-numru ta’ passiġġieri u żieda ta’ 9,337 fil-vetturi li qasmu l-fliegu. L-aktar ġranet impenjattivi kienu l-Ħamis, 26 ta’ Diċembru, fejn qasmu 25,193 passiġġier u 6,390 karozza fuq 100 vjaġġ operat mill-Gozo Channel, u l-Ħamis, 2 ta’ Jannar 2020, fejn il-kumpanija operat 96 vjaġġ li bihom qasmu 25,408 passiġġier u 6,225 vettura.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dawn iċ-ċifri juru biċ-ċar li l-ħidma għaqlija tal-Ministeru għal Għawdex qed tħalli r-riżultati f’bosta setturi li direttament jew indirettament huma marbuta mat-turiżmu f’Għawdex. “Permezz tal-programm ‘Milied f’Għawdex’, qed jirnexxielna nattiraw aktar turiżmu, speċjalment dak domestiku, f’dan il-perjodu tas-sena, u b’hekk qed nilħqu l-mira tagħna li Għawdex ikun id-destinazzjoni tal-Milied fil-Mediterran,’ qalet il-Ministru Caruana. 

Il-Ministru għal Għawdex stqarret li s-sidien ta’ stabbilimenti u ristoranti kienu ferm sodisfatti bl-influss ta’ persuni f’dan il-perjodu, u faħħru l-mod strutturat u maħsub ta’ kif ġie maħdum il-programm min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex. Il-Ministru Caruana qalet li dawn ir-riżultati jimlewna b’kuraġġ biex fil-jiem u x-xhur li ġejjin f’Għawdex ikomplu jiġu organizzati aktar avvenimenti kulturali ta’ livell, fejn ġa ġie mfassal kalendarju ambizzjuż iktar minn tas-sena 2019 li żgur se jilħaq il-gosti ta’ kullħadd. F’dan il-kalendarju – mifrux matul is-sena – hemm avvenimenti li issa saru stabbiliti, kif ukoll oħrajn ġodda. 

Is-CEO tal-Gozo Tourism Association Joe Muscat qal li l-istabbilimenti turistiċi Għawdxin li joffru akkomodazzjoni rrappurtaw okkupanza tajba, kemm fil-lukandi Għawdxin, kif ukoll fis-setturi tal-farmhouses u tal-appartamenti. Barra minn hekk, numru sabiħ ta’ Maltin li għandhom it-tieni dar tagħhom f’Għawdex għażlu li jqattgħu dan il-perjodu ġewwa Għawdex. Anke l-istabbilimenti li joffru l-ikel u x-xorb bħal ristoranti u postijiet ta’ divertiment kellhom klijentela tajba ħafna f’dawn il-ġranet.