Navigate Up
Sign In

Proġett tal-Fanal tal-Ġordan

Il-Fanal tal-Ġordan hu ikona fil-gżira Għawdxija li beda jinbena fis-sena 1851 u sar funzjonabbli sentejn wara waqt il-ħakma tal-Imperu Ingliż fuq il-gżejjer Maltin. Meta beda jaqdi l-funzjoni tiegħu l-Fanal tal-Ġordan kien mgħammar b’21 lampa taż-żejt li kienu jirriflettu fuq lentijiet kbar u li kienu jwasslu r-raġġi tad-dawl sa madwar 38 mil bogħod. Dan il-fanal jinsab 161 metru fuq il-livell tal-baħar.

Illum il-ġurnata, bl-avvanz teknoloġiku fin-navigazzjoni marittima, id-dija tal-Fanal tal-Ġordan hi inqas awtorevoli però xorta jibqa’ l-fatt li din il-binja hi sinonima mal-ambjent tal-Għolja tal-Ġordan. Preżentament il-binja qed tospita apparat ta’ monitoraġġ tal-arja installat mill-Università ta’ Malta. 

Ir-restawr u r-riġenerazzjoni taż-żona tal-madwar se jkunu maqsuma f’diversi fażijiet. Il-fond allokat għal din il-fażi li tinkludi r-restawr se jkun ta’ €200,000 li apparti r-restawr tal-binja li tinsab fi stat ħażin, se jiġu restawrati wkoll xi tgħammir u oġġetti oħrajn li nstabu mitluqa fis-sit u li jiffurmaw parti mill-istorja tal-Fanal tal-Ġordan.

Il-mira tal-Gvern hi li jkollna attrazzjoni turistika oħra li tispikka mhux biss għall-valur storiku imma wkoll minħabba s-sbuħija naturali tal-madwar. Dan is-sit restawrat se jfisser valur miżjud għall-gżira Għawdxija kif ukoll spazju rikreattiv għall-familji tagħna.

 
 
 

 
 
   
 
 

Contact Information:

 Address
St. Francis Square
Victoria, Gozo - Malta
VCT 1335

 Telephone
22156400

 Email