Navigate Up
Sign In

Il-Ministru Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista f’laqgħat f’Palermo

Reference Number: PR180257, Press Release Issue Date: Feb 05, 2018
 
Il-Ministru Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista f’laqgħat f’Palermo
 
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista kellhom bosta laqgħat mal-komunità u ma’ għaqdiet kulturali fil-belt ta’ Palermo fil-kuntest ta’ pajjiżna bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura u ta’ Palermo bħala l-Belt tal-Kultura Taljana għal din is-sena.
 
Iż-żewġ partijiet ħassew li permezz tal-kultura tista’ tinħoloq kollaborazzjoni tanġibbli li twassal għal suċċessi ekonomiċi u soċjali. Kien għalhekk li l-Ministru Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista ltaqgħu ma’ diversi negozjanti li wrew interess li jesploraw il-possibilità li jespandu l-attività tagħhom f’pajjiżna – speċjalment f’Għawdex.
 
Fost il-laqgħat kien hemm laqgħa mal-Kamra Kummerċjali ta’ Palermo magħrufa  bħala ‘Confartigianato Palermo’, assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdanha l-intrapriżi żgħar u medji u dawk artiġjanali li joperaw f’din il-belt. Laqgħa oħra saret mal-‘Associazione Amici di Malta’ - għaqda li twaqqfet biex tippromwovi u tivvalorizza skambji ta’ natura kummerċjali, ekonomika, kulturali u sportiva.
 
Bosta operaturi wrew interess f’pajjiżna u fl-opportunitajiet li joffri f’diversi oqsma fosthom is-saħħa, it-tagħlim tal-lingwa Ingliża, is-servizzi, it-teknoloġija tal-informatika u l-infrastruttura. Il-Ministru Caruana qalet li preżentament pajjiżna qed jesperjenza tkabbir ekonomiku bla preċedent u qed joffri diversi opportunitajiet biex in-negozji jkomplu jimirħu u jkattru l-operat tagħhom. Tat rendikont tal-ħidma tal-Gvern rigward inċentivi għall-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex, partikularment il-miżura tal-istart-ups, il-miżura tal-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u r-rifużjoni parzjali ta’ parti mis-salarju għal ammont massimu ta’ sitt elef ewro kif imħabbar fil-budget li għadda.
 
Kemm il-Ministru Justyne Caruana kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista kienu l-mistiedna tas-Sindku ta’ Palermo Leoluca Orlando li enfasizza dwar ir-rabtiet tajbin taż-żewġ pajjiżi Mediterranji li għandhom ħafna elementi ugwali u li jeħtieġu jibqgħu jissaħħu fil-futur - mhux biss fuq bażi kummerċjali iżda wkoll fuq bażi kulturali u storika.
 
Iż-żewġ rappreżentanti minn Malta ħabbru wkoll diversi proġetti li se jsiru bi sħubija ma’ Palermo, fosthom ‘Casa Malta’ f’Palazzo Asmundo f’Palermo bejn it-8 u l-11 ta’ Marzu li ġej u ‘Casa Palermo’ bejn it-13 u t-18 ta’ April li ġej f’Malta. Fiż-żewġ okkażjonijiet se jkun hemm il-possibilità ta’ reklamar b’saħħtu għal Għawdex.
Matul iż-żjara, il-Ministru għal Għawdex u s-Segretarju Parlamentari kienu akkumpanjati minn rappreżentanti tal-Gozo Business Chamber, tal-Gozo Tourism Association u tal-Malta Enterprise.