Navigate Up
Sign In

Ftehim ta’ għotjiet lill-għaqdiet volontarji Għawdxin

Reference Number: PR172548, Press Release Issue Date: Nov 13, 2017
 
Ftehim ta’ għotjiet lill-għaqdiet volontarji Għawdxin

Waqt ċerimonja tal-okkażjoni fil-Ministeru għal Għawdex, kienu ppreżentati l-grant agreements lil sittax-il għaqda volontarja f’Għawdex li applikaw b’suċċess għall-ewwel edizzjoni tal-Ministry for Gozo Non-Governmental Organisations Assistance Scheme 2017.
 
Din l-iskema tnediet fit-12 ta’ Lulju li għadda u l-għanijiet tagħha huma li ttejjeb it-tessut soċjali, kulturali, ekonomiku u ekoloġiku ta’ Għawdex, u li tippromwovi u tinkoraġġixxi kultura ta’ volontarjat u parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ volontarjat fi ħdan is-soċjetà Għawdxija. L-iskema saret ukoll biex tistimula l-koperazzjoni u networking bejn l-organizzazzjonjiet volontarji u biex trawwem il-kollaborazzjoni bejniethom u l-Ministeru għal Għawdex permezz ta’ proġetti kollaborattivi, inizjattivi u attivitajiet oħra. L-ammont massimu ta’ għajnuna finanzjarja li kull Organizzazzjoni Volontarji setgħet tirċievi kien ta’ massimu ta’ €5,000.
 
Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana rringrazzjat lil dawk l-għaqdiet kollha, b’ kollox tmienja u tletin, li ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom. Hija stqarret li tħossha sodisfatta li l-iskema attirat tant interess. Il-proċess tal-għażla sar b’ħidma konġunta mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u li minnha, sittax-il Organizzazzjoni Volontarja irnexxilhom jibbenefikaw mill-iskema.
 
Hija faħħret l-operat ta’ dawn l-għaqdiet għall-kontribut siewi li jagħtu lis-soċjetà Għawdxija b’mod ġenerali u saħqet kif il-Gvern għandu l-obbligu li jsostni u jassisti lis-settur tal-volontarjat. Għalhekk l-iskop wara din l-iskema kien biex tingħata għajnuna finanzjarja għal dawk il-proġetti li l-għaqdiet xtaqu jmexxu ’l quddiem. Din l-iskema tant kienet suċċess li l-Ministru Justyne Caruana ħabbret ukoll li diġà bdew it-tħejjijiet biex tibda skema oħra simili fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Ministru Caruana wiegħdet l-impenn massimu tal-Ministeru għal Għawdex biex jiġu sostnuti l-għaqdiet volontarji Għawdxin.
 
“Il-ħidma tal-volontarjat tikkumplimenta dik li ssir f’livell uffiċjali u tesprimi l-parteċipazzjoni dedikata ta’ ċittadini attivi fil-komunità. L-appoġġ tal-Ministeru għandu jħajjar sehem akbar minn kulħadd b’risq l-Għawdxin f’diversi setturi,” temmet tgħid il-Ministru Justyne Caruana.