Navigate Up
Sign In

Iffirmat ‘Memorandum of Understanding’ bejn id-Djoċesi ta’ Għawdex u l-Ministeru għal Għawdex

Reference Number: PR172263, Press Release Issue Date: Oct 05, 2017
 
​Iffirmat ‘Memorandum of Understanding’ bejn id-Djoċesi ta’ Għawdex u l-Ministeru għal Għawdex

 
Il-Ministeru għal Għawdex iqis lid-Djoċesi ta’ Għawdex bħala stakeholder importanti  u għalhekk il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni u ta’ kollaborazzjoni bejniethom għall-ġid ta’ Għawdex u tal-Għawdxin. Għalhekk, ġew identifikati setturi ta’ interess komuni fosthom dak soċjali, ekonomiku, ambjentali u kulturali u ż-żewġ naħat se jikkollaboraw flimkien f’inizjattivi u fi proġetti.
 
Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar, l-Isqof Mario Grech irrimarka li preżentament għaddejja ħidma siewja f’Għawdex kemm min-naħa tal-gvern ċentrali kif ukoll mill-Knisja. Permezz ta’ dan il-ftehim irridu nsaħħu l-kollaborazzjoni mal-Istat biex inkunu ta’ aktar servizz għas-soċjetà tagħna, qal l-Isqof Grech. L-Isqof fakkar li l-missjoni tal-Knisja hi li tippromwovi dak kollu li jgħin biex tiġi mħarsa d-dinjità tal-bniedem u jitkattru l-ġid u l-ħarsien soċjali, kulturali u ambjentali. Filwaqt li rringrazzja lill-Ministru għal Għawdex, l-Isqof Grech spjega li l-Knisja, permezz ta’ dan il-ftehim, se tkun aktar ta’ servizz għall-komunità Għawdxija. 
 
Il-Ministru Justyne Carauna qalet li tqis lill-Knisja f’Għawdex bħala sieħeb strateġiku u ta’ importanza speċjalment fis-settur soċjali. “Permezz ta’ dan il-ftehim formali se nkunu nistgħu nikkollaboraw b’mod aktar dirett f’oqsma speċifikati li se jkunu ta’ fejda għas-soċjetà Għawdxija”, qalet il-Ministru Caruana. Irrimarkat li matul is-snin, il-gvern ċentrali dejjem qies id-Djoċesi ta’ Għawdex bħala kontributur ewlieni għall-ġid tal-komunità Għawdxija. “Permezz ta’ dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni se nkunu qed namalgamaw diversi aspetti u servizzi u b’dan il-mod se nkunu aktar effettivi”, ikkonkludiet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.