Navigate Up
Sign In

Jitnieda l-ewwel festival tal-baned f’Għawdex

Reference Number: PR172594, Press Release Issue Date: Nov 17, 2017
 
Jitnieda l-ewwel festival tal-baned f’Għawdex

Il-Kunsill Lokali tal-Għarb, bill-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex ser itella’ l-ewwel edizzjoni tal-festival tal-baned bl-isem ta’ Make Music Great 2017. Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, fil-preżenza tas-Sindku tal-lokalità s-Sur David Apap Agius, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-pjazza tal-Għarb.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-festival ġdid għal Għawdex, il-Ministru Caruana kellha l-opportunità tagħti xi dettalji dwar dan l-avveniment li ser isir fi tmiem il-ġimgħa li ġejja. Fost il-parteċipanti, se jkun hemm żewġ baned internazzjonali, banda Maltija kif ukoll tliet baned Għawdxin. 

Il-Ministru Caruana rrimarkat fuq l-importanza li l-Ministeru għal Għawdex qed jagħti sabiex jiġu organizzati aktar attivitajiet kulturali ta’ kwalità filwaqt li jingħata sostenn mhux biss lil dawn l-organizzazzjonijiet imma anke lill-individwi li juru mpenn sabiex tittella’ attività kulturali. Filwaqt li esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li din hi l-ewwel darba li ser jittella’ dan l-avveniment, il-Ministru saħqet li festivals bħal dawn isaħħu l-kalendarju kulturali Għawdxi li jagħtu valur miżjud għall-prodott turistiku Għawdxi.

Il-Ministru Caruana irringrazzjat lill-organizzaturi ta’ dan il-festival fosthom il-kumitat tal-Banda Viżitazzjoni tal-Għarb kif ukoll lill-Kunsill Lokali tal-istess lokalità li ser ikun qed jorganizza din l-attività.

Min-naħa tiegħu, s-Sindku tal-Għarb David Apap Agius, għamel stedina biex il-pubbliku b’mod ġenerali jattendi u jiddeverti f’dan il-festival, li ser ikun mifrux fuq tlett ijiem fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Ċeċilja, qaddisa u patruna tal-mużika.   ​