Navigate Up
Sign In

Inawgurat l-ewwel ‘public access defibrillator’ fil-gżejjer Maltin

Reference Number: PR172794, Press Release Issue Date: Dec 05, 2017
 
Inawgurat l-ewwel ‘public access defibrillator’ fil-gżejjer Maltin

Fl-entratura l-qadima taċ-Ċittadella f’Għawdex, ġie inawgurat l-ewwel  public access defibrillator fil-gżejjer Maltin.
 
Defibrillator huwa strument elettroniku li jagħti xokk elettriku lill-qalb meta persuna ssofri minn attakk tal-qalb. Dan ġie spjegat fid-dettall mis-Segretarju Ġenerali tal-Emergency Response and Rescue Corps Etienne Micallef, f’Għawdex. “Il-ħsieb kien li noħolqu AED Station fiċ-Ċittadella peress li dan il-post hu frekwentat minn ħafna nies. F’każ ta’ attakk tal-qalb, kull sekonda tgħodd u li jkollok apparat bħal dan fil-viċinanzi hu ta’ benefiċċju,” qal is-Sur Micallef. Huwa rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex tas-sostenn li ngħatat din l-għaqda volontarja biex jiġi installat dan l-apparat, liema għajnuna ingħatat mill-iskema li nieda l-istess Ministeru favur l-għaqdiet volontarji.
 
Min-naħa tagħha, l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, faħħret din l-inizjattiva importanti li ħadet din l-għaqda volontarja. “Iċ-Ċittadella hi ġawrha ta’ pajjiżna u f’post hekk frekwentat, hu ġest tajjeb li ġie installat dan l-apparat, f’post prominenti li jista’ jsalva l-ħajjiet,” qalet il-Minstru Caruana. Hija rringrazjat lill-ħaddiema taċ-Ċivil li wara l-ħin tax-xogħol tħarrġu dwar kif jintuża dan l-apparat f’każ li jkun hemm bżonnu. Il-Ministru Caruana qalet li l-iskop tal-Gozo NGO Scheme huwa appuntu biex isiru proġetti ta’ fejda għall-gżira Għawdxija u ħabbret ukoll li skema oħra simili ser tiġi imnedija fil-ġimgħat li ġejjin.
 
Il-Ministru Caruana ippreżentat ukoll iċ-ċertifikati lil dawk kollha li ħadu t-taħriġ dwar l-użu ta’ dan l-apparat bħala rikonoxximent kif ukoll turija li f’każ ta’ emerġenza, hemm persuni li huma mħarrġa u li kapaċi jsalvaw ħajja permezz tat-taħriġ li ħadu.