Navigate Up
Sign In

Rekord ieħor ta’ passiġġiera lejn Għawdex fil-jiem tal-Għid

Reference Number: PR170978, Press Release Issue Date: Apr 18, 2017
 
Rekord ieħor ta’ passiġġiera lejn Għawdex fil-jiem tal-Għid
 
Sinjal ieħor tal-bidla pożittiva li qed isseħħ f’Għawdex hu r-rekord ġdid ta’ passiġġiera u ta’ vetturi li qasmu lejn il-gżira Għawdxija fil-jiem tal-Għid.
 
In-numru ta’ passiġġiera li qasmu lejn Għawdex il-ġimgħa li għaddiet hu 10.6% iktar minn dawk li qasmu lejn Għawdex fl-istess perjodu fl-2016, u 29.7% iktar mit-total ta’ passiġġiera li qasmu lejn Għawdex fl-2013. Meta mqabbel mas-sena li għaddiet iż-żieda fil-vetturi li qasmu l-ġimgħa l-oħra lejn Għawdex kienet ukoll ta’ 10.6%, filwaqt li ż-żieda ta’ vetturi li qasmu din is-sena, meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2013, kienet ta’ 26.2%.
 
Kien hemm ukoll żieda fil-vjaġġi li saru bejn il-gżejjer - saru tnax-il vjaġġ iktar mis-sena l-oħra, u tnejn u tletin vjaġġ iktar mill-istess perjodu fl-2013. Dan wassal biex il-passiġġiera jdumu inqas jistennew fit-terminals, anke minkejja li għal xi sigħat wieħed mill-vapuri kellu problema mekkanika. 
 
Kruċjali f’dan is-suċċess huma l-ħaddiema tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Limited li wettqu l-ħidma tagħhom bl-aħjar mod possibbli. L-impenn tagħhom jgħin biex ikompli jitkattar it-turiżmu f’Għawdex li minnu tant familji Għawdxin jiddependu għall-għajxien tagħhom. 
 
Il-Ministeru għal Għawdex jikkonferma li hi l-intenzjoni tiegħu li jkompli jkabbar l-attivitajiet matul il-bqija tas-sena sabiex jattira aktar ġid lejn Għawdex.