Navigate Up
Sign In

Ġiet imnedija r-raba’ edizzjoni ta’ ‘Għawdex – Arti, Fidi u Tradizzjoni’

Reference Number: PR170627, Press Release Issue Date: Mar 15, 2017
 
Ġiet imnedija r-raba’ edizzjoni ta’ ‘Għawdex – Arti, Fidi u Tradizzjoni’

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo nieda r-raba’ edizzjoni ta’ ‘Għawdex – Arti, Fidi u Tradizzjoni’. Din is-sena l-programm għal zmien il-Għid jibda fit-18 ta’ Marzu 2017, u jagħlaq nhar Ħadd il-Għid 16 ta’ April 2017.

Il-Ministru Refalo tenna kif il-progamm sar parti mill-kalendarju kulturali ta’ Għawdex. Huwa qal li Għawdex f’dawn iż-żminijiet joffri esperjenza unika. Il-Ministru semma fost oħrajn id-diversi funzjonijiet li ser isiru ġewwa l-knejjes, il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira bi statwi artistiċi uniċi, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir, kif ukoll għadd ta’ kunċerti ta’ mużika sagra, musicals u anke opra. Ser ikun hemm ukoll għadd ta’esebizzjonijiet ta’ arti viżiva kif ukoll attivitajiet għat- tfal.

Il-Ministru semma kif il-pubblikazzjoni ta’ dan il-fuljett ta’ informazzjoni bl-attivitajiet kollha li jsiru ġewwa Għawdex matul dan iż-żmien tgħin biex il-pubbliku Għawdxi u Malti jkun jaf b’diversi attivitajiet u jkun jista’ jattendi. Il-Ministru għal Għawdex irringrazzja lill-kumitat ħabbrieki tal-Għid f’Għawdex, lid-direttorati varji fil-Ministeru għal Għawdex li kontinwament jagħtu s-sehem tagħhom, lill-operaturi ta’ negozji varji f'Għawdex, u lill-MTA li taw sostenn lill-attivitajiet li se jkunu organizzati. Huwa kellu kliem ta’ tifħir  għal dawk kollha li jieħdu sehem b’mod volontarju f’dawn l-attivitajiet ta’ matul il-festi tal-Għid, jistinkaw biex jippriservaw id-drawwiet tagħna, u jagħmlu minn dawn il-jiem storja oħra ta’ suċċess fil-qasam turistiku.

Il-Ministru ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi waqt li awgura li għal sena oħra dawn il-festi tal-Għid ikunu ta’ suċċess.