Navigate Up
Sign In

LEJN SOĊJETÀ AKTAR MIFTUĦA MINGĦAJR PREĠUDIZZJI - MINISTRU HELENA DALLI

Reference Number: PR150802 , Press Release Issue Date: Apr 17, 2015
 
 
LEJN SOĊJETÀ AKTAR MIFTUĦA MINGĦAJR PREĠUDIZZJI  - MINISTRU HELENA DALLI

Il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili ħa inizjattiva simbolika għall-ewwel żewġ crossings bil-kuluri tal-qawsalla fil-gżejjer Maltin biex jitfakkar l-ewwel anniversarju mid-dħul tal-Unjoni Ċivili f’Malta u bħalha parti mill-kampanja tan-Nazzjonijiet Magħquda “Free and Equal”.

Il-liġi dwar l-Unjoni Ċivili u dik tal-Identità tal-Ġeneru flimkien ma’ inizjattivi oħra li qed jieħu l-gvern fil-qasam tal-libertajiet ċivili għandhom jgħinu biex f’pajjiżna jkollna soċjetà aktar miftuħa mingħajr preġudizzji lejn xi settur jew ieħor. Qalet dan il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli f’konferenza tal-aħbarijiet fir-Rabat Għawdex, fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju mid-dħul tal-Unjoni Ċivili f’Malta.

Il-Ministru Dalli semmiet kif fl-aħħar tnax-il xahar, kien hemm 47 koppja li daħlu f’unjoni ċivili, bi 30 minnhom ikunu koppji tal-istess sess li rreġistraw l-unjoni ċivili f’Malta u 2 oħra f’Għawdex.

Ma’ dawn kien hemm ukoll 7 koppji tal-istess sess li ħadu l-unjoni ċivili minn barra u, fl-aħħar tnax-il xahar, irreġistrawh f’Malta filwaqt li kien hemm 7 koppji oħra tal-istess sess, b’sieħeb minnhom Malti jew Maltija li żżewġu barra minn Malta u mbagħad irreġistraw iż-żwieġ f’pajjiżna.

Dr Dalli semmiet kif il-gvern ħareġ ċirkolari interna li tassigura mainstreaming fis-sistema ta’ family friendly measures fejn jidħol trattament indaqs għall-koppji tal-istess sess.

“Aħna rridu soċjetà fejn kulħadd ikun liberu u ugwali u nemmnu li m’għandux ikun hemm restrizzjonijiet fuq id-drittijiet ta’ persuna jew oħra” enfasizzat il-Ministru Helena Dalli.

F’dan ir-rigward, semmiet kif fl-aħħar ġimgħat, il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta ħa inizjattiva simbolika sabiex f’pajjiżna jkollna għall-ewwel darba żewġ crossings bil-kuluri tal-qawsalla .

Semmiet kif ix-xahar li għadda, inżebgħet l-ewwel crossing ta’ din ix-xorta fuq iż-żewġ karreġjati fi Triq Sant’Anna fil-Furjana, filwaqt li llum qed tkun inawgurata t-tieni waħda fi Triq Fortunato Mizzi fir-Rabat Għawdex. Dr Dalli semmiet kif dik li tissejjah ‘rainbow crossing’  hija simbolu tal-ftuħ li rridu fis-soċjetà tagħna, bil-kuluri differenti tal-qawsalla  li jissimbolizzaw l-inklużjoni.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li din hija l-ewwel crossing f’Għawdex li qed issir bil-kuluri tal-qawsalla. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-gvern qed jagħti wkoll il-kontribuzzjoni tiegħu lejn il-kampanja Ħielsa u Ugwali tan-Nazzjonijiet Magħquda għad-drittijiet indaqs għall-persuni LGBTIQ.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana enfasizzat fuq il-fatt kif dan il-Gvern jemmen fl-abbiltajiet u l-potenzjal ta’ kulħadd. Qalet li turija ċara ta’ dan huwa l-fatt ta’ kif il-gvern qiegħed iġib id-drittijiet minn fuq il-karta għal drittijiet ta’ vera.

Iċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ Gabi Calleja esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-ħidma li wettqet il-komunità LGBTIQ f’Malta fejn bis-saħħa tad-dritt tal-unjoni ċivili, persuni tal-istess sess ingħataw l-istess drittijiet bħall-koppji eterosesswali.

Il-konferenza tal-aħbarijiet intemmet b’ġest simboliku fejn il-membri tal-gvern flimkien ma’ numru sostanzjali ta’ studenti mill-iskola primarja u sekondarja tar-Rabat Għawdex qasmu minn fuq il-crossing bil-kuluri tal-qawsalla.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, pajjiżna qed jingħaqad ma’ pajjiżi u bliet oħra minn madwar id-dinja li diġà ħadu inizjattivi simili biex jippromwovu d-diversità.


Tabella bl-istatistika dwar l-Unjoni Ċivili fl-aħħar tnax-il xahar


Malta

Għawdex


A.      Unjonijiet Ċivili Registrati f’Malta u Għawdex:






(i)                  Koppji tal-istess sess

30

2


(ii)                Koppji ta’ sess differenti

1

0


B.      Unjonijiet Ċivili minn Barra Registrati f’Malta u Għawdex:


(iii)               Koppji tal-istess sess

7

0


(iv)               Koppji ta’ sess differenti

0

0


C.      Żwiġijiet ta’ Koppji tal-Istess Sess Reġistrati f’Malta

7

0​